Dr David Aloisio
malti.jc@um.edu.mt
Room C311
Lekċers: 4 sigħat fil-ġimgħa
Tutorjals: siegħa fil-ġimgħa
Seminars: siegħa fil-ġimgħa
Lekċers: sagħtejn fil-ġimgħa
Il-Malti huwa l-lingwa tagħna. Il-lingwa li naħsbu, nitkellmu u noħolmu biha. Lingwa żgħira imma lingwa unika u waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Li tkun taf il-Malti jfisser li tkun taf kif torganizza ħsibijietek u tippreżenta l-ideat tiegħek bil-lingwa nattiva. Ifisser, li tikkomunika mal-oħrajn fuq il-post tax-xogħol kif ukoll f’postijiet ta’ divertiment.
Li tistudja l-Malti jfisser li taqra xogħlijiet ta’ kittieba Maltin kif ukoll li ssir taf iktar dwar l-iżvilupp tal-ilsien tagħna. Il-qari jgħinek tikber u twessa’ l-għarfien tiegħek u fuq kollox, jiftaħlek bibien li qatt f’ħajtek ma ħsibt li tista’ tiftaħ. Il-qari jgħinek tħaddem il-kreattività tiegħek – ħila importantissima għal kull xogħol u kull qasam ieħor fil-ħajja.
Jekk int trid tkompli tistudja l-Malti fil-livell Avvanzat jew Intermedju għandek bżonn pass fl-eżami taċ-ĊES.
Bil-Malti fil-livell Avvanzat tista’ tkompli tistudja l-Malti fil-fakultà tal-Arti, l-Università, biex imbagħad wara tkun tista’ tkompli l-Masters fit-tagħlim tal-Malti jew inkella fit-traduzzjoni u/jew l-interpretazzjoni. Apparti hekk, il-Malti għandek bżonnu jekk tixtieq tkompli l-karriera tiegħek fil-Liġi. U jkunlek utli wkoll jekk trid li jkollok karriera fil-ġurnaliżmu, fil-marketing, fil-lingwistika u l-intelliġenza artifiċjali, u xogħlijiet maniġerjali jew marbutin mas-saħħa ngħidu aħna infermiera u speech therapy.
Jekk tagħżel il-Malti fil-livell Avvanzat ikollok erba’ sigħat lekċers, seminar u tutorial fil-ġimgħa. Tista’ wkoll tiltaqa’ mal-letturi fis-sigħat ta’ kuntatt.
Il-Malti fil-livell Intermedju joffrilek firxa ta’ temi lingwistiċi u letterarji. Jgħinek tħaddem l-erba’ ħiliet tal-lingwa: il-qari permezz tat-taħriġ il-fehem, is-smigħ u t-taħdit permezz tal-oral u l-kitba permezz tal-esej ġenerali kif ukoll letterarju. F’dan il-livell issir taf iktar dwar l-ilsien Malti u l-istorja tiegħu, kif ukoll ikollok l-opportunità taqra mill-qrib uħud mill-poeżiji ta’ Simone Galea, flimkien ma’ wieħed mir-rumanzi tas-seklu 20 ta’ Ġużè Bonnici.
Il-Malti fil-livell Intermedju jgħinek jekk tixtieq tkompli l-karriera tiegħek fil-ġurnaliżmu u fil-midja, jew inkella tidħol għal professjonijiet oħra li huma marbuta mas-saħħa, mal-edukazzjoni, mat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni, mal-qasam finanzjarju, mat-turiżmu, il-lingwistika u l-intelliġenza artifiċjali fost l-oħrajn.
Jekk tagħżel il-Malti fil-livell Intermedju jkollok sagħtejn lekċers fil-ġimgħa. Waħda tkun tal-letteratura u l-oħra tkun tal-lingwa u l-lingwistika. Tista’ wkoll tiltaqa’ mal-letturi fis-sigħat ta’ kuntatt.